![]() |
|||||||||||
![]() |
|||||||||||
Il-bidu ta’ Radju Marija jmur lura għas-sena 1995 meta fil-31 ta’ Mejju, beda jxandar bħala Radio 106, f’kamra zgħira fi ħdan il-Kunvent tal-Patrijiet Dumnikani fir-Rabat. Ir-Radju kien immexxi mill-Moviment Kerygma u kellu l-għan li jwassal programmi reliġjuzi, kulturali u anke ta’ mużika, flimkien mal-ideal tal-Moviment - ix-xandir tal-bxara t-tajba. Tul is-snin, seħħew hafna bidliet fi ħdan l-istazzjon. Pero’, l-aktar waħda importanti kienet dik meta Radio 106 sar jismu Radju Marija. Dan seħħ fil-5 ta’ Mejju 1998, meta twaqqfet l-Assoċjazzjoni Radju Marija. Minn dan il-jum l-hemm, ir-Radju ħadem dejjem sabiex jilħaq dejjem l-għan tiegħu - ikun stazzjon dedikat għal min jixtieq isegwi programmi reliġjuzi jew kulturali. Il-ħidma ta’ Radju Marija, hija dejjem dik li tinxtered il-Kelma ta’Alla u li twassal it-tagħlim tal-Knisja. B’hekk il-motto ta’ l-istazzjon hu Leħen Nisrani fid-Dar Tieghek!. Barra dan, bħala parti mill-World family ta’ Radju Marija, l-istazzjon qed jagħmel l-istess xogħol bħal ma jagħmlu diversi stazzjonijiet Radju Marija madwar id-dinja. Fatt interessanti huwa li tul dawn is-snin kollha l-istazzjon irċieva appogg kbir mis-semmiegħa, li kull ma jmur qed jiżidedu. Fattur ieħor inkoragganti ġej miz-zjarat li kellna minn persuni prominenti fil-Knisja. Fost dawn insemmu lil Kardinal Arinze (mill-Brazil), l-Arċisqof ta’ Malta (Mons.Guzeppi Mercieca), Mons.Annetto Depasquale (Isqof Awżiljarju ta’ Malta) u Fr.Thimoty Radcliffe OP (Majjistru ta’ l-Ordni Dumnikan). Dawn il-personalitajiet kollha kienu xhieda tax-xogħol li jsir fir-Radju, u l-preżenza tagħhom tistimulana biex inkomplu fil-ħidma tagħna. Fis-17 ta’ Ġunju 2004, Radju Marija beda jxandar fuq frekwenza ġdida:102.3FM. Dan kien avveniment importanti, peress li wara ħafna snin ta’ qtigħ il-qalb, talb u ħidma intensa, Radju Marija akkwista liċenzja Nazzjonali, u b’hekk beda jilħaq Malta u Ghawdex kollhu, sabiex aktar nies jistgħu jirċievu kelma ta’ kuraġġ, farag u sapport permezz tal-Kelma ta’Alla u t-tagħlim tal-Knisja. Radju Marija mhux stazzjon kummerċjali u ma jxandarx riklami. Jiddependi biss mid-donazzjonijiet tas-semmiegħa tiegħu, u fuq kollox mill-Providenza Divina. Huwa wkoll stazzjon li jaħdem kollu permezz tal-volontiera. Flimkien, dawn jaħdmu sabiex ixerrdu l-Kelma ta’Alla. Il-Volontiera jemmnu ħafna f’dan il-proġett u l-imħabba tagħhom lejn il-Madonna twassalhom jaħdmu sod fl-istazzjon tagħha. Hi min-naħa tagħha zġur li titfa’ l-barkiet fuqhom u fuq is-semmiegħa kollha ta’ Radju Marija. |
|||||||||||
![]() |
|||||||||||
![]() |
|||||||||||
![]() |
|||||||||||
|
|
|||||||||||